Anġlu Xuereb jipproponi li l-mina tal-ferrovija bejn il-Belt u l-Furjana tintuża fit-trasport tal-massa

L-imprenditur Anġlu Xuereb jemmen li r-riċetta għas-soluzzjoni tat-traffiku fl-inħawi tal-Belt Valletta u l-Kottonera hija taħlita bejn mina għal laneċ li tgħaqqad Tas-Sliema mal-kapitali u t-Tlitt Ibliet kif ukoll il-kunċett ta’ ‘feeder buses’ spissi li jwasslu n-nies minn lokalitajiet varji f’dawn il-lokalitajiet.

F’ħarsa lejn il-pjani tiegħu, li ġew sottomessi bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar it-traffiku f’dan ir-reġjun, Anġlu Xuereb jindika li l-Gvern għandu jagħmel użu minn mina tal-ferrovija eżistenti.

L-imprenditur Anġlu Xuereb qed jipproponi li Malta tinqasam f’għadd ta’ reġjuni għat-trasport tal-massa li jkunu magħqudin b’vetturi kemm fuq l-art kif ukoll taħt l-art fosthom bl-użu ta’ dik li xi darba kienet il-mina tal-ferrovija li tgħaqqad il-Furjana mal-kapitali.

“Tagħmel 6 stazzjonijiet ikollok waħda fil-Furjana fil-Park & Ride u l-pitch tal-football li hemmhekk jiġi wkoll regional sports centre, ieħor il-Marsa, ieħor l-ajruport, wieħed in-naħa tal-Kottonera, ieħor Mater Dei fejn għandek l-Università kif ukoll Pembroke. Jien qed ngħid hemm bżonn ieħor l-Imrieħel Industrial Estate. Ikunu interchanged stations fejn hemhekk ikollok trasport pubbliku b’karozzi iżgħar bil-karozzi tal-linja żgħar, hemmhekk feeder buses iduru mat-toroq, eżempju 20 bus stop iduru hemmhekk, biex dak li jkun ma jdumx aktar minn 5 minuti miexi, jirkeb fuq il-feeder buses u jasal fl-eqreb stazzjon, jiġifieri jekk trid tmur il-Kottonera min-naħa tan-Naxxar mhux toqgħod fil-bus stage u tmur il-Belt, mini għandek wieħed Park & Ride tal-Furjana, hemmhekk hemm mina li twasslek għal Bieb il-Bombi, fejn hemm il-Parlament, tista’ tasal sal-periferija tal-Belt, imbagħad tagħmel escalators, il-mina hemmhekk tal-ferrovija l-antika, kemm tirranġa l-apparat, allura tagħmel użu minnha.”

Anġlu Xuereb

F’intervista ma’ TVMnews, Anġlu Xuereb jispjega illi l-ikbar sfida hija l-inġenji għas-sistemi tat-trasport tal-mini u mhux it-tħaffir li jemmen li jista’ jseħħ f’sentejn.

Barra minn dan huwa jisħaq illi l-portijiet mhumiex qed jintużaw biżżejjed u għaldaqstant qed jerġa’ jipproponi konnessjoni bejn Tas-Sliema u l-Kottonera.

“Ngħaqqdu żewġ portijiet flimkien, bħalissa trid toħroġ barra mill-port, ħafna drabi ma tkunx tista’ taqsam minħabba l-baħar, u għalhekk nemmen għandha ssir mina taħt il-belt li jiena f’isem il-grupp tiegħi konna għamilna diġà, tieqaf fejn il-lift u tibqa’ sejjer għall-Kottonera, eżempju r-Rinella u l-Marsa, u tgħaqqad il-Kottonera.”

Anġlu Xuereb

Il-pjan ta’ Anġlu Xuereb jinkludi laneċ bl-elettriku u vetturi li jsuqu fuq l ilma, reviżjonijiet fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-universitajiet, sussidji għall-użu tat-taxis, infrastruttura elevata għall-iscooters kif ukoll sistema ta’ metro.

Il-proposta ta’ Anġlu Xuereb saret bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika li tnediet mill-gvern fi tmiem is-sena li għaddiet għall-pjan ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli (SUMP) għar-Reġjun tal-Belt Valletta li jinkludi fih iz-zona tat-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-Port li tiġbor fiha l-Kottonera, Ħaż-Żabbar, il-Fgura, Ħal Qormi, il-Pietà, San Ġiljan u Tas-Sliema fost bosta lokalitajiet.

Improving Malta’s Transportation System

A major problem in Malta today is without a doubt how to overhaul the old-fashioned public transport system. Introduced in the forties when towns and villages were much smaller, it is centralised along the main roads of the villages.